Go to Top

Oliver Nicholas De Gaetano

Il-Kunsillier Dr Oliver Nicholas De Gaetano
Responsabbli mill-Innovazzjoni, il-Ħarsien tal-Annimali u Fondi tal-Unjoni Ewropea

 

L-Innovazzjoni

Nixtieq nagħmilha ampjament ċara li d-dekasteru li jirrigwardja l-anzjani bl-ebda mod ma hu wieħed li jaqa’ taħt il-kompitu tiegħi. Hu fatt magħruf, li f’għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta, qiegħed jiġi pprovdut is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani min-naħa għall-oħra tal-belt jew raħal fejn ikun qiegħed jiġi pprovdut dan is-servizz, biss sfortunatament kif ġieli ġie diskuss waqt il-laqgħat tal-Kunsill, sa issa f’Ħal Balzan dan is-servizz għadu mhuwiex disponibbli. Il-provvediment ta’ tali servizz lill-anzjani u persuni oħra vulnerabbli bl-ebda mod ma għandu x’jaqsam mad-dekasteru tal-innovazzjani u huwa wieħed li jaqa’ fl-inkwadratura tal-anzjani. Biss, nemmen li l-provvediment ta’ tali servizz f’Ħal Balzan jista’ jitqies bħala novità, u dan fid-dawl tal-fatt li sa issa qatt ma għadu ġie pprovdut servizz simili f’Ħal Balzan. Kien proprju għalhekk li meta l-Kunsilliera li taħtha jaqa’ d-dekasteru tal-anzjani, esprimiet ix-xewqa li jiġi pprovdut servizz simili anke f’Ħal Balzan, jien offrejt li navviċina lil min hu responsabbli sabiex tiġi konvenuta laqgħa li fiha jkun hemm preżenti l-Kunsilliera responsabbli mill-anzjani sabiex tiġi diskussa din il-possibbiltà. Kien proprju hawnhekk li kkuntattjajt onlajn lill-Onor Silvio Parnis li dak iż-żmien kien is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani, sabiex jagħtina data u ħin li fih il-Kunsilliera responsabbli mid-dekasteru tal-anzjani tkun tista’ tiltaqa’ miegħu u jekk hemm bżonn nakkumpanjaha jien. Biss, fil-kuntest ta’ pandemija qalli li tali laqgħat kienu qed jiġu organizzati unikament f’każijiet tabilħaqq urġenti u li la darba t-tieni mewġa tal-pandemija tkun ikkalmat sew, jgħidilna meta nistgħu mmorru, biss fil-frattemp serraħli moħħi li s-servizz tas-‘Silver T’ kien se jiġi introdott f’kull belt u raħal madwar Malta u Għawdex f’temp ta’ madwar sena. Ġara li wara li fl-aħħar ta’ Novembru seħħet ‘reshuffle’ fil-Kabinett, is-settur tal-anzjani m’għadux taħt ir-responsabbiltà tal-Onor Parnis. Biss jien nibqa’ disponibbli li jekk inkun mitlub ngħin sabiex tiġi organizzata laqgħa bejn il-Kunsilliera responsabbli mid-dekasteru tal-anzjani u l-Ministru l-ġdid responsabbli minn dan is-settur, jien lest li nkun strument sabiex nagħmel użu leġittimu mill-kuntatti li għandi ħalli b’hekk tali laqgħa tkun tista’ sseħħ.

Barra minn hekk, bħala Kunsillier inkarigat mill-Innovazzjoni, rajt li nadattaw kemm jista’ jkun għaċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19, billi avviċinajt lill-maġġoranza assoluta tal-persuni li għal xi raġuni jew oħra jitqiesu bħala vulnerabbli f’Ħal Balzan, sabiex nara li f’dawn iż-żminijiet diffiċli kellhom min jaqdihom u kull meta kien hemm bżonn xtrajtilhom il-bżonnijiet ta’ kuljum tagħhom u ħadtomlhom fuq l-għatba tal-bieb tagħhom. Insistejt ukoll li dawk il-persuni li ma setgħux joħorġu mid-dar sabiex jiġbru l-pakkett bis-sanitizers u l-maskri li ġentilment ġie pprovdut mid-Distrett, noħodulhom id-dar personalment u dawk il-persuni l-oħrajn li ma jagħmlux użu mill-Internet u għalhekk ma setgħux ikunu jafu li kellna tali ‘gift-packs’ disponibbli b’xejn, ċempiltilhom u rajt meta jkunu komdi sabiex noħodulhom id-dar tagħhom. B’hekk stajt naċċerta li bħala Kunsill Lokali ma nkunux biss innovattivi, iżda proattivi b’tali mod li r-resident Balzani jkunu moqdi bl-aħjar mod possibbli.

Il-Fondi tal-Unjoni Ewropea

Sfortunatament, l-istess problema li affaċċjat is-sena l-oħra bħala Kunsillier inkarigat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, erġajt kelli naffaċċjaha din is-sena. U dan fid-dawl tal-fatt li kif tinsab attwalment l-iskema għall-applikazzjoni ta’ fondi għar-restawr ta’ statwi u affarijiet oħrajn ta’ valur kulturali fir-raħal, ma jistawx jibbenefikaw minnha dawk il-villaġġi mhux ikklassifikati bħala ‘rurali’. Sfortunatament Ħal Balzan m’huwiex ikkunsidrat bħala raħal rurali u għaldaqstant huwa eskluż mill-programm hekk imsejjaħ ‘Leader’. Programm bħal dan kien ikun ideali peress li għandu Miżura speċifika li titlob ir-restawr ta’ assi kulturali, u sfortunatament m’hemmx opportunitajiet oħra ta’ finanzjament għar-restawr. Għalhekk, bħala Kunsillier insistejt li dawk il-fondi li ffrankajna sabiex isiru toroq ġodda fil-lokalità wara li dawn ġentilment għamel tajjeb għalihom il-Gvern Ċentrali, jintefqu sabiex tiġi rrestawrata l-istatwa antika ta’ Santa Marija li tant hija għal qalb il-poplu Balzani u li ilha fi stat delapidat għal numru ta’ snin.

Bħala raħal, dejjem xtaqna nimbarkaw fuq proġett ta’ ġemellaġġ ma’ postijiet oħra f’pajjiżi Ewropej. Is-sena li għaddiet ħdimt qatiegħ sabiex inħaddmu l-fondi Ewropej u nembarkaw fuq proġett ta’ ġemellaġġ ma’ Ficarra fi Sqallija. Biss sfortunatament kien hemm nuqqas ta’ interess liema bħalu mill-Kunsill ta’ Ficarra li qajla kienu jwieġbu l-imejls tagħna, aħseb u ara kemm riedu jirreċiprokaw u jidħlu f’ġemellaġġ magħna. Għaldaqstant, kien hemm il-ħtieġa li nħabbtu fuq bibien oħrajn u bdejna naħdmu sabiex nissieħbu fi proġett ta’ ġemellaġġ ma’ villaġġ sabiħ fl-Albanija. Id-diskussjonijiet kienu għaddejjin ġmielhom, tant li fis-Sajf li għadda kellna mmorru l-Albanija sabiex niffamiljarizzaw irwieħna ma’ dan il-villaġġ u niddiskutu l-possibbiltajiet kollha sabiex din il-ħolma tkun tista’ ssir realtà. Biss, sfortunatament is-saga tal-COVID-19 ma ppermettietx li nkunu nistgħu nattwaw dak li konna ddiskutejna, u la darba l-pandemija tbatti tabilħaqq, inkunu nistgħu nitilgħu l-Albanija sabiex inkomplu naħdmu fuq dan il-proġett u nużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex nissieħbu fi proġett ta’ ġemellaġġ.

Skema tabilħaqq interessanti hija l-iSkema ta’ Proġetti għal Organizzazzjonijiet Volontarji, maħsuba sabiex tgħin lill-applikanti li qegħdin ifittxu fondi fuq proġetti li jistgħu jagħmlu differenza reali għall-komunitajiet lokali tagħhom. Din l-iskema tappoġġja inizjattivi ibbażati fuq it-tip tal-proġett – proġetti infrastrutturali – f’liema każ l-għotja mitluba m’għandhiex taqbeż € 20,000; u kif ukoll proġetti ta’ riċerka, f’liema każ l-għotja li tintalab m’għandhiex taqbeż l-għaxart elef ewro (€ 10,000). Attwalment ninsab f’diskussjonijiet mas-Sur Kurt Cortis mill-Meusac, sabiex nara kif bħala lokalità nistgħu nibbenefikaw minn din l-iskema.

Skema oħra attraenti ferm hija l-‘Iskema ta’ Għajnuna lil Każini tal-Banda’. Din l-iskema tinkludi wkoll appoġġ mogħti lil każini tal-banda u l-attivitajiet eliġibbli taħt din l-iskema jinkludu fost oħrajn restawr ta’ oġġetti ta’ valur bħal ngħidu aħna pitturi, strumenti mużikali antiki, arkivji mużikali. Tali skema hija intiża wkoll sabiex tassisti lis-surmastrijiet, l-assistenti tas-surmastrijiet u l-għalliema tagħhom fi programm ta’ edukazzjoni u taħriġ mużikali mmirat għalihom f’istituzzjonijiet edukattivi Maltin ta’ livell terzjarju, liema programmi ta’ studju u tagħlim huma organizzati b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet tal-‘Band Unity’. Bħalissa, bħala Kunsill Lokali qegħdin nikkollaboraw mal-Każin San Gabriel, li jikklassifika bħala ‘Organizzazzjoni Volontarja’, sabiex ikun jista’ jirrestawra xi strumenti mużikali u manuskritti antiki ta’ valur liema bħalu, permezz tal-fondi Ewropej disponibbli f’dan ir-rigward.

Il-Ħarsien tal-Annimali

Ix-xogħol ta’ Kunsillier ma jinvolvix biss il-ħidma mill-bini tal-Kunsill, iżda jirrikjedi li wieħed idur bieb, biex sabiex jara r-residenti x’għandhom bżonn. Kull meta ndur id-djar ninnota kemm hawn persuni li jħobbu l-annimali. Biss tajjeb li wieħed jindika l-fatt li hawn ukoll annimali li m’għandhomx dar permanenti. Qiegħed hawnhekk nirreferi għall-għadd ta’ qtates li wieħed isib iduru mat-toroq u għalhekk bħala Kunsillier inkarigat mill-ħarsien tal-annimali ma nistax ma nfaħħarx il-fondi li l-gvern ġentilment qiegħed jagħmel disponibbli sabiex itaffi l-piż minn fuq l-ispalla ta’ dawk il-persuni li b’qalb tajba jieħdu ħsieb dawn l-annimali. Kien proprju għalhekk li bħala l-Kunsillier inkarigat minn dan ir-rigward, is-Sajf li għadda ressaqt applikazzjoni sabiex bħala Kunsill nibbenefikaw minn elfejn ewro fuq ikel tal-qtates, elfejn ewro fuq servizzi veterinarji u elf ewro biex nembarkaw fuq kampanja edukattiva sabiex nisħqu dejjem iżjed fuq l-importanza sabiex ikunu mħarsin id-drittijiet tal-annimali li għall-kuntlarju tagħna l-bnedmin, m’għandhomx vuċi sabiex jiddefendu rwieħhom.

Tajjeb li hawnhekk nindika li s-sena li għaddiet, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan kien diġà applika għall-fondi sabiex ikunu jistgħu jiġu msewwija medja ta’ erbgħa u tletin (34) qattus, kif ukoll fondi sabiex jinxtraw żewġ ‘cat traps’ sabiex il-qtates ikunu jistgħu jiġu maqbuda sabiex jittieħdu għand il-veterinarji mhux biss meta tkun se ssirilhom l-operazzjoni biex jiġu msewwija, iżda kull darba li tkun trid tingħatalhom xi forma ta’ attenzjoni medika, anka jekk dan ikun sempliċiment ‘check-up’ regolari. Dawn il-‘cat traps’ ikunu jinżammu fil-bini tal-Kunsill, u kull meta xi ħadd mill-voluntiera li jieħdu ħsieb il-qtates ikun jeħtieġ l-użu ta’ xi waħda mill-‘cat traps’, ikun jista’ jiġi l-kunsill sabiex jissellifha.

Peress li l-proċess minn meta wieħed japplika għal tali fondi sa ma dawn jaslu, idum ftit taż-żmien mhux ħażin, personalment għamilt ġabra ta’ prodotti utli għall-ħarsien tal-annimali, fosthom għadd ta’ provvisti ta’ ikel tal-qtates mingħand erbat iqlub tajba fir-raħal, sabiex qassamthom lil dawk il-persuni li ġentilment ta’ kuljum jitimgħu u jieħdu ħsieb dawk il-qtates u annimali oħrajn li wieħed isib iduru fit-toroq ta’ Ħal Balzan.

La qegħdin insemmu l-annimali, ma nistax ma nsemmix il-problema tal-ħamiem, problema li ilha tavvera magħna numru ta’ snin, bil-problemi ta’ ħmieġ u mard ieħor li dawn iġibu magħhom. FI Triq il-Kbira, Ħal Balzan, hemm dar li ilha abbandunata numru ta’ snin u li għandha l-ħġieġ tal-prietel kollu mkisser, bir-riżultat li ħafna ħamiem salvaġġ qiegħed ibejjed fil-gallariji u t-twieqi ta’ din id-dar. Quddiem din id-dar, il-bankina dejjem tkun miksija bil-ħmieġ tal-ħamiem, b’tali mod li wieħed qas ikun jista’ jimxi minn hemm. Għaldaqstant bħala l-Kunsillier inkarigat mill-ħarsien tal-annimali, kellimt lill-Pulizija sabiex jeżortaw lis-sid sabiex jimbarra l-bibieb u t-twieqi u b’hekk tittaffa din il-problema kemm jista’ jkun.

Punti Ġenerali oħrajn

Bħal ma’ wieħed jista’ jimmaġina, il-pandemija fixklet il-ħidma ta’ bosta Kunsilli Lokali u Kunsilliera. Ngħid għalija, għal perijodu mhux ħażin kelli nwaqqaf iż-żjarat tiegħi fid-djar tal-kostitwenti, kemm għas-saħħa u sigurtà tagħhom, kif ukoll dik tiegħi. Biss kif spjegajt fl-introduzzjoni ta’ dan ir-rapport, jien ħadt l-inkarigu u l-ħin sabiex inċempel kemm jista’ jkun lill-anzjani u l-persuni vulnerabbli kollha li jgħixu fir-raħal ta’ Ħal Balzan, sabiex nara jekk dawn kellhomx bżonn ta’ xaħaġa. Mhux l-ewwel darba li kont nagħmlilhom ix-xirjiet tagħhom u nwassalomlhom id-dar, jew inwassalhom għal xi appuntament l-isptar jew fil-berġa tas-saħħa, sabiex niffrankalhom li jkollhom jirkbu tal-linja fil-qilla tal-pandemija.

Sfortunatament, l-indafa f’Ħal Balzan mhux dejjem tilħaq l-aspettattivi tar-residenti, u dan għax il-kuntrattur li għandu l-kuntratt għall-ġbir tal-iskart mhux l-ewwel darba li jonqos milli jagħmel xogħlu kif suppost. Biss, tajjeb li nindika li bi qbil unanimu tal-Kunsilliera, kull darba li jkun hemm nuqqas min-naħa tal-kuntrattur, kemm tal-ġbir tal-iskart kif ukoll tal-kennies, se jinħarġu ‘default notices’ minnufih, biex b’hekk tkun tista’ tiġi assigurata l-indafa li r-raħal ta’ Ħal Balzan tant jistħoqqlu.

Mill-bqija, jien nagħmel mezz li darbtejn fil-ġimgħa ndur xi familji fir-raħal sabiex nipprova nisma’ x’inhuma l-ilmenti u l-weġgħat tan-nies u naġixxi fuqhom billi nagħmel użu leġittimu mill-kuntatti li għandi sabiex ngħin lin-nies. Kemm il-darba nintebah li jkun hemm persuni, partikolarment anzjani, li mhux il-bdil ta’ bozza jew it-tiswija ta’ xi bankina jkollhom bżonn, iżda lil xi ħadd li jismagħhom u jagħtihom ftit mill-ħin tiegħu b’sens ta’ imħabba u impenn. Nittama fuq kollox li l-vaċċin kontra l-coronavirus jasal fl-ixtut tagħna ma jdumx, biex b’hekk inkun nista’ jkompli jkolli sehem attiv bħal qabel fil-komunità Balzanija u fuq kollox nagħmel il-ġid u nkompli niġbed iżjed u iżjed nies lejn il-Moviment li kkontestajt fuq il-biljett tiegħu.

Font Resize
Contrast