Go to Top

Oliver Nicholas De Gaetano

Il-Kunsillier Dr Oliver Nicholas De Gaetano
Responsabbli mill-Innovazzjoni, il-Ħarsien tal-Annimali u Fondi tal-Unjoni Ewropea

 

L-Innovazzjoni

F’dak li jirrigwardja d-dekasteru tal-innovazzjoni, qiegħed nistinka flimkien mal-Kunsilliera inkarigata mid-dekasteru tal-anzjani sabiex inkunu nistgħu nipprovdu trasport għall-anzjani tar-raħal darbtejn fil-ġimgħa, fejn ikun hemm ‘shuttle service’ li jitlaq mill-pjazza tar-raħal filgħodu li jwassal lill-anzjani sal-berġa tas-saħħa ta’ Birkirkara u wara l-vann jibqa’ sejjer sal-iSptar Mater Dei. Meta avviċinajt lis-Segretarju Parlamentari inkarigat mill-Ħarsien tal-Anzjani, sirt naf li l-unika servizz li attwalment hu possibbli hu dak tat-‘tuc tuc’, fejn l-anzjani jiġu mwassla minn post għal ieħor fl-istess raħal, biss it-‘tuc tuc’ ma jkunx jista’ jixref il-barra mill-parametri tal-istess raħal fejn ikun qiegħed joffri s-servizz. Għaldaqstant ninsab attwalment nikkollabora mal-Ministeru tas-Saħħa, sabiex nivverifikaw jistax ikun possibbli li nwasslu lill-anzjani tar-raħal tal-inqas sal-berġa tas-saħħa ta’ Birkirkara kif ukoll sal-iSptar Mater Dei mingħajr ebda ħlas minn tal-inqas darbtejn f’ġimgħa.

Il-Ħarsien tal-Annimali

Meta dort Ħal Balzan bieb, bieb fil-kampanja tiegħi, skoprejt kemm il-Balzanini huma verament nies li jħobbu l-annimali. F’dak li jirrigwardja l-ħarsien tal-annimali, din is-sena l-gvern nieda skema speċifikament intiża sabiex tagħti spinta lil dawk kollha li jieħdu ħsieb il-ħbieb tagħna b’erba’ saqajn li ma jistgħux jiddefendu ruħhom u li jiddependu fuq il-qalb tajba ta’ dawk ir-residenti li jieħdu ħsiebhom. Għaldaqstant il-Gvern qiegħed jipprovdi għotjiet lil dawn il-persuni u din l-iskema qed tinħadem permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għadwex. L-oqsma ta’ prijorità għall-għotjiet fl-2019 huma kif ġej:

(i) Cat cafes;
(ii) Parks tal-Klieb;
(iii) Programmi ta’ Neutering (inkluż il-microchipping ta’ annimali);
(iv) Proġetti ta’ manutenzjoni għal stazzjonijiet tal-qtates eżistenti;
(v) Inċentiv tas-Servizz Veterinarju għal annimali mhux maħruġa;
(vi) Il-promozzjoni u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ għarfien dwar l-annimali;
(vii) kontribuzzjoni lejn spejjeż speċifiċi bħal mediċini, ikel u trasport;
(viii) oqsma oħrajn relevanti jistgħu jiġu kkunsidrati bl-approvazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Fond tal-Proġett CARE LC.

Meta bħala Kunsill Lokali analizzajna mill-qrib, liema mill-oqsma msemmija huma l-iżjed meħtieġa fil kuntest tar-raħal ta’ Ħal Balzan, rajna li peress li f’Ħal Balzan hemm għadd mhux ħażin ta’ qtates, kif ukoll ta’ persuni li jagħlfu dawn l-istess qtates, ħassejna li tkun ħaġa opportuna li tagħmel sens li napplikaw għal fondi sabiex inkunu nistgħu nħaffu daqxejn il-piż finanzjarju li jaffaċċjaw dawk il-persuni li ġentilment mhux biss jagħżlu li minn buthom joħorġu l-flus sabiex mhux biss jitimgħu, iżda anka jieħdu l-qtates għand il-veterinarji tal-fiduċja tagħhom sabiex isewwu dawn il-qtates. Huwa propju hawnhekk fejn jidħlu n-‘neutering programmes’. B’hekk biss jista’ jkun assigurat li tali qtates ma jkomplux jipprokreaw b’mod lampanti li l-għadd ta’ dawn il-qtates ma jiżdiedx b’mod li jkun impossibbli li wieħed jaffordja li jixtri l-ikel u li jieħu ħsiebhom kollha, bir-riżultat li l-qtates jibdew intortament ibatu l-ġuħ u ma jkunux jistgħu jingħataw il-kura u l-attenzjoni medika li jkollhom bżonn.

Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan applika għall-fondi sabiex ikunu jistgħu jiġu msewwija medja ta’ erbgħa u tletin (34) qattus, kif ukoll fondi sabiex jinxtraw żewġ ‘cat traps’ sabiex il- qtates ikunu jistgħu jiġu maqbuda sabiex jittieħdu għand il-veterinarji mhux biss meta tkun se ssirilhom l-operazzjoni biex jiġu msewwija, iżda kull darba li tkun trid tingħatalhom xi forma ta’ attenzjoni medika, anka jekk dan ikun sempliċiment ‘check-up’ regolari. Dawn il-‘cat traps’ ikunu jistgħu jinżammu fil-bini tal-Kunsill, u kull meta xi ħadd mill-voluntiera li jieħdu ħsieb il-qtates ikun jeħtieġ l-użu ta’ xi waħda mill-‘cat traps’, ikun jista’ jiġi l-kunsill sabiex jissellifha. Dan hu partikolarment importanti fid-dawl tal-fatt li xi wħud minn dawn il- voluntiera spjegaw kif mhux il-qtates kollha jħallu lil xi ħadd jaqbadhom u mhux l-ewwel darba li jkunu grixtija u jaħarbu meta xi ħadd minnhom jipprova jagħmel dan.

Qasam ieħor ta’ prijorità li fih il-Kunsill Lokali tagħna jeħtieġ l-għajnuna u li għalhekk applika għall-fondi huwa dak tal-‘Veterinary Service Incentive for stray animals’. Il-qtates li jkun hemm jiġru fit-toroq u li jiddependu minn dawk li jieħdu ħsiebhom, m’għandhomx jittieħdu għand il-veterinarju biss meta ssirilhom l- operazzjoni biex jiġu msewwija. Il-volontiera spjegaw kif mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi annimal li jkollu bżonn kura medika minħabba li jew ikun intlaqat minn xi karozza jew li tkun ħakmitu xi marda jew kundizzjoni li ma tkunx tista’ tiġi kkurata jekk mhux bl-għajnuna professjonali ta’ xi veterinarju. Mhux l-ewwel darba li l-voluntiera jkollhom idaħħlu jdejhom fil-but sabiex tali kura medika tkun tista’ tingħata lil dawn l-annimali li jkunu qegħdin jiġġerrew fit-triq u huwa propju għalhekk li l-Kunsill jeħtieġ il-fondi mill-gvern ċentrali sabiex dawn jitqassmu b’mod ekwu fost il-voluntiera kull meta dawn jeħtieġuhom sabiex l-annimali li jieħdu ħsieb jittieħdu għand il-veterinarju.

Il-Fondi tal-Unjoni Ewropea

F’dan ir-rigward nixtieq nirringrazzja lill-Kunsilliera li kienu inkarigati minn dan id-dekasteru qabli tal-ħidma sfieqa tagħhom fejn inkisbu fondi sabiex jiġi rrestawrat il-bini tal-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata. Kif tinsab l-iskema għall-applikazzjoni ta’ fondi għar-restawr ta’ statwi u affarijiet oħrajn ta’ valur kulturali fir-raħal, sfortunatament Ħal Balzan m’huwiex ikkunsidrat bħala raħal rurali u għaldaqstant huwa eskluż mill-programm hekk imsejjaħ ‘Leader’. Programm bħal dan kien ikun ideali peress li għandu Miżura speċifika li titlob ir-restawr ta’ assi kulturali, u sfortunatament m’hemmx opportunitajiet oħra ta’ finanzjament għar-restawr.

Ninsab konxju li l-Unjoni Ewropea tappoġġa proġetti li jgħaqqdu ċittadini minn bliet differenti fl-Ewropa sabiex dawn jissieħbu fi proġetti ta’ ġemellaġġi. L-Unjoni tagħmel dan timmobilizza liċ-ċittadini fuq livelli lokali u fuq dak Ewropew biex jiddibattu dwar kwistjonijiet konkreti mill-aġenda politika Ewropea, din il-miżura tfittex li tippromwovi l-parteċipazzjoni ċivika fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE u tiżviluppa opportunitajiet għal impenn tas-soċjetà u volontarjat fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Lokali bagħat imejl lill-Kunsill Lokali ta’ Ficarra fi Sqallija, bil-għan li jembarka fuq proġett ta’ ġemellaġġ ma’ din il-lokalità, biss il-Kunsill Lokali tagħna ma rċieva ebda rispons f’dan ir-rigward u sa issa għadna mdendlin.

Skema li bħala Kunsill Lokali tinteressana ferm hija dik ta’ Appoġġ għal Inizjattivi Żgħar, li hi speċifikament imfassla sabiex tgħin lill-applikanti li qed ifittxu fondi fuq proġetti żgħar li jistgħu jagħmlu differenza reali fil-komunitajiet lokali tagħhom. L-għotja għal proġetti taħt din l-iskema għandha tkun mhux inqas minn elf ewro (€ 1,000) u mhux iżjed minn tliet elef ewro (€ 3,000).

Skema oħra attraenti ferm hija l-Iskema ta’ Għajnuna lil Każini tal-Banda’. Din l-iskema tinkludi wkoll appoġġ mogħti lil każini tal-banda u l-attivitajiet eliġibbli taħt din l-iskema jinkludu fost oħrajn restawr ta’ oġġetti ta’ valur bħal ngħidu aħna pitturi, strumenti mużikali antiki, arkivji mużikali. Tali skema hija intiża wkoll sabiex tassisti lis-surmastrijiet, l-assistenti tas-surmastrijiet u l-għalliema tagħhom fi programm ta’ edukazzjoni u taħriġ mużikali mmirat għalihom f’istituzzjonijiet edukattivi Maltin ta’ livell terzjarju, liema programmi ta’ studju u tagħlim huma organizzati b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet tal-‘Band Unity’.

Hawnhekk ma nistax ma nsemmix l-iSkema ta’ Proġetti għal Organizzazzjonijiet Volontarji, maħsuba sabiex jgħin lill-applikanti li qegħdin ifittxu fondi fuq proġetti li jistgħu jagħmlu differenza reali għall-komunitajiet lokali tagħhom. Din l-iskema tappoġġja inizjattivi ibbażati fuq il-proġett – f’liema każ l-għotja li tintalab m’għandhiex taqbeż l-għoxrin elf ewro (€ 20,000); proġetti infrastrutturali – f’liema każ l-għotja mitluba m’għandhiex taqbeż € 20,000; u kif ukoll proġetti ta’ riċerka, f’liema każ l-għotja li tintalab m’għandhiex taqbeż l-għaxart elef ewro (€ 10,000).

Font Resize
Contrast