Go to Top

Mary Louise Briffa

Il-Kunsillier Mary Louise Briffa
Responsabbli mill-Anzjani, iż-Żgħażagħ u Tfal

 

Nittama li kulħadd jinsab tajjeb. Ninsabu fi żmien diffiċli li qiegħed jitlob minna sforzi straordinarji. Dan qed nagħmluh b’impenn u mħabba lejn ir-raħal u r-residenti tagħna, sabiex nagħtu l-aħjar servizz u b’hekk inkunu nistgħu intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Il-pandemija żammitna milli nimxu mal-pjanijiet u l-attivitajiet li konna ffissajna s-sena li għaddiet. Kellna ħafna proposti u attivitajiet ippjanati x’nagħmel fit-tliet dekasteri tiegħi. Però minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija u l-miżuri meħtieġa li riedna nieħdu minħabba s-saħħa ma setgħux isiru. Inwiegħed li kif l-affarijiet jerġgħu jiġu għan-normal nibda naħdem fuqhom b’effett immedjat.

Dan hu dak li diġà ġie mibdi u dak li hu pjanat isir:

L-Anzjani

  • Transport għall-anzjani tar-raħal. Is-servizz jikkonsisti f’shuttle service mill-pjazza tar-raħal filgħodu u jwassal l-anzjani sal-berġa tas-saħħa ta’ Birkirkara, u jibqa’ sejjer l-isptar Mater Dei.
  • Punt ieħor li qed naħdem fuqu hu li, infermiera tiġi d-dar biex tieħu testijiet tad-demm lill-anzjani u għalhekk l-anzjani jevitaw l-iskariġġ li joħorġu minn ġo darhom għal dan is-servizz.
  • Jien u l-Viċi Sindku għaddejin b’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Iklin biex nibdew norganizzaw diversi attivitajiet lill-anzjani li ġew offruti lilna mill-gvern. Dawn jinkludu diskussjonijiet fuq saħħa, eżerċizzju, crafts, drama u attivitajiet varji.
  • Nerġgħu nkomplu l-ħarġiet li konna qegħdin nagħmlu ta’ kull xahar fejn dawn kienu ta’ pjaċir għall-anzjani għaliex kienu jkunu ta’ opportunità biex jiltaqgħu u anki titnaqqas is-solitudni għal min qiegħed waħdu.
  • Bħala Kunsill rajna fejn nistgħu ngħinu lill-anzjani fi żmien il-pandemija billi permezz ta’ fondi li ġejna mogħtija, qassamna pakketti ta’ maskri, hand sanitizer u antibacterial wipes. Fix-xhur li ġejjin ser nerġgħu inqassmu iżjed maskri bieb bieb.
  • Fi żmien il-pandemija kien hemm min ċempilli għax ħass is-solitudni u xtaq joqgħod jitkellem ftit. Għal min ma setax joħroġ mid-dar wassaltlu xirjiet u affarijiet tal-bżonn kemm fir-raħal tagħna u anki fi rħula oħra viċin.

It-Tfal

  • Hekk kif l-affarijiet jiġu għan-normal, ħa nerġgħu nibdew naħdmu b’impenn fuq:
    Kunsill tat-tfal;
    Sports Day;
    Ħarġiet edukattivi
  • Jiena u l-Viċi Sindku, se nkomplu bit-taħdidiet li konna qegħdin nagħmlu mal-Kunsill Lokali tal-Iklin sabiex nikkollaboraw magħhom għaliex dawn għandhom sala kbira u spazjuza.
  • Fix-xhur li ġejjin mistenni jibda wkoll il-proġett tal-bandli.

Iż-Żgħażagħ

  • Jien u sħabi l-kunsilliera ltqajna wkoll mal-persuni li huma nkarigati miċ-Ċentru taż-
    Żgħażagħ, biex naraw kif nistgħu ngħinu fil-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom.
  • Iż-żgħażagħ fil-ħajja mgħaġġla tal-lum jaffaċċjaw ħafna problemi li jikkaġunaw pressjonijiet u stress. Għalhekk qegħdin naħdmu biex norganizzaw sessjonijiet varji speċifikament għaż-żgħażagħ biex jirnexxielhom jegħlbu dawn id-diffikultajiet li jaffaċċjaw. Uħud minn dawn is-sessjonijiet se jittrattaw temi bħal stress management, online safety u inspirational talks.

Filwaqt li nispera li din is-sena jkollna l-opportunità li nkomplu naħdmu fuq dawn il-punti li semmejt hawn fuq u oħrajn, nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil Catherine Zerafa u Mary Rose Cutajar li jifformaw parti mis-sotto kumitat tiegħi, tal-għajnuna u s-sostenn kontinwu.

Font Resize
Contrast