Go to Top

Ian Spiteri

Is-Sindku in-Nutar Ian Spiteri
Responsabbli mill-Proġetti, l-Infrastruttura, Sports u Attivitajiet Fiżiċi

 

Ninsab kważi f’għeluq is-sitt sena minn meta ħadt l-ewwel ġurament tiegħi bħala Sindku ta’ raħal twelidi, u tul dawn is-snin kollha l-ħidma tiegħi u ta’ sħabi l-Kunsilliera ma waqfitx! Kienu snin mimlija sfidi li taw il-frott tagħhom ukoll.

Nammetti magħkom però, illi s-sena li għaddiet kienet l-aktar sena iebsa tul il-ħidma tiegħi, kawża tal-misħuta pandemija tal-COVID-19.  Is-sena bdiet fuq nota pożittiva, fejn bħal ma nagħmel ta’ kull sena, dort il-każini kollha u tajt l-awgurju tiegħi għas-sena li kienet għadha kemm bdiet.  Fix-xahar ta’ Jannar, ġew varati tnejn mill-akbar żewġ proġetti li qatt ra dar-raħal, wieħed minnhom infrastrutturali u l-ieħor ambjentali: hawn qed nirreferi għall-ftuħ uffiċjali ta’ Wied Ħal Balzan, proġett tant bżonnjuż għalina r-residenti, u kif ukoll proġett ambjentali, fejn tħawwlu ‘l fuq minn ħamsa u tletin siġra fi Triq l-Imdina.  Parti minn dal-proġett ambjentali kien jinkludi ż-żamma u t-tisqija ta’ dawn l-istess siġar, illi sena wara tant qed jiffjorixxu!

Bqajt f’kuntatt mal-każini u l-kumitati kollha fi ħdan ir-raħal, u grazzi għall-fondi li r-Reġjun Ċentru (illi minnu niffurmaw parti) jallokalna minn żmien għal żmien għal proġetti u skemi partikolari, fi Frar kelli l-unur illi nippreżenta lill-Kumitat tal-Każin San Gabriel somma sabieħa b’risq sett ta’ għaxar pavaljuni ġodda.  Nixtieq niċċara illi peress illi dawn il-fondi kellhom jingħataw biss lil dawk il-każini illi huma reġistrati bħala Voluntary Organization, sfortunatament, is-Soċjetà Filarmonika Marija Annunzjata ma kkwalifikatx, għax dak iż-żmien kienet għadha mhix rikonoxxuta uffiċjalment bħala tali Organizazzjoni.  Somma oħra ġiet ippreżentata wkoll lill-Kumitat tal-Balzan FC sabiex tassistieh fil-ħidma tiegħu.

L-ambjent huwa qasam importantissimu għalija u nagħmel minn kollox sabiex kemm jista’ jkun inżomm ir-raħal fi stat tajjeb ta’ indafa.  Għal dan il-għan, is-sena li għaddiet investejna f’numru ta’ bins ġodda li mhux biss servew l-iskop tagħhom imma sebbħu wkoll lir-raħal tagħna.  Ħdimna ukoll sabiex nippruvaw nottjenu aktar fondi sabiex ninvestuhom fil-ftit spazji pubbliċi illi għandna f’Ħal Balzan.

Fi Frar attendejt il-Mayors Round Table, konferenza ta’ importanza kbira li fiha jiltaqgħu s-Sindki ta’ Malta u Għawdex kollu sabiex jiddiskutu temi li jolqtu direttament liċ-ċittadin.  Dħalna f’dettal kbir fuq diversi suġġetti bħal ma huma l-ambjent, is-sigurtà, il-fondi, l-anzjani, is-saħħa, u tant u tant oqsma oħra ta’ importanza kbira għal kull wieħed u waħda minnha.  Fiha wassalt il-karba u ilmenti li bħala Kunsill inħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum, fosthom l-iżvilupp bla rażan u l-abbużi li qed isiru fil-kamp tal-kostruzzjoni u li qed jipperikolaw lir-residenti tagħna, apparti li qed jaffettwalhom saħħithom ukoll.  Fuq dal-punt ġejt inwiegħed illi se jsir aktar infurzar u se jingħataw multi ħorox għal min bilħsiebu jibqa’ jikser u/jew jabbuża mil-liġi, u fejn hemm bżonn anke tittieħed azzjoni kriminali kontrieh.

L-impenji tiegħi ta’ Sindku jestendu wkoll il-barra mir-raħal u fl-istess ħin fil-konfini ta’ Ħal Balzan stante illi hemm numru t’Ambaxxati li jinsabu ġewwa Ħal Balzan.  Fil-fatt, is-sena li għaddiet kelli l-unur li niltaqa’ f’laqgħa privata mal-Eċċellenza Tagħha l-Ambaxxatriċi ta’ Spanja fejn iddiskutejna numru ta’ proħetti, u kif ukoll attendejt ċerimonja organizzata mill-Ambaxxata tal-Kuwait.  Nemmen bi sħieħ li dawn il-laqgħat huma bżonnjużi ħafna għax iwessgħu l-orizzonti u l-opportunitajiet għar-raħal ċkejken tagħna.

Il-ħidma tiegħi f’dak li jirrigwarda l-moniteraġġ tax-xogħol ta’ manutenzjoni u riparazzjoni illi jinqala’ ta’ kuljum ma waqfitx.  Kif tafu, il-bżonnijiet tagħkom ir-residenti huma kontinwi u diversi, u jinkludu ġbir ta’ skart, manutenzjoni ta’ bankini, dwal fit-toroq u bdil u tiswija ta’ bozoz, bring-in site nadif, refreshing ta’ parking bays u linji/bays ġodda, u tant u tant xogħol ieħor.  Dan isir grazzi għall-ħaddiema tagħna illi huma tant dedikati.  Kif wieħed jista’ jara b’għajnejh, wara pressjoni kbira illi għamilt mal-aworitajiet konċernati, il-bring-in site issa qed ikun fil-maggior parti tal-ħin nadif u minn żmien għal żmien ir-reċipjenti qegħdin jinħaslu wkoll.  Sfortunatament, dan kien ifisser illi kellhom jingħataw multi lil xi individwi, imma ma kienx hemm alternattiva oħra…minn ma jitgħallimx bl-edukazzjoni ikollu jitgħallem billi tmisslu l-but!

F’Marzu imbagħad faqqgħet il-pandemija! Din ġabet bidla radikali fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha, speċjalment għall-anzjani tagħna.  Kien u għadu perjodu diffiċli ħafna għalija fil-ħidma tiegħi ta’ Sindku.  Kif jaf kulħadd, din ġabet biża’ kbira… għamilt ġimgħat u xhur sħaħ lejl u nhar nirrispondi fuq il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni għall-bżonnijiet tagħkom ir-residenti.  Fl-istess ħin kont qed niġi ibbombardjat kontinwament mill-awtoritajiet kollha (u mhux biss dik tas-saħħa) biex inwassal informazzjoni imporanti ħafna għalikom ir-residenti.  Din il-pandemija kienet ġdida għal kulħadd, u għalhekk ma kontx lest li nieħu ebda tip ta’ riskju, speċjalment għax il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha kienet fil-periklu.  Għamilt dak li stajt biex inżomm id-dixxiplina ġewwa r-raħal, u dan kien ifisser illi kellhom jiġu introdotti ċertu miżuri iebsa fosthom ta’ social distancing.  Dan ma kien faċli xejn, u bosta drabi ġejt ikkritikat għan-nuqqas ta’ flessibilità li urejt; jiddispjaċini? Dażgur li le! Ma kontx lest nilħaq ebda kompromessi ma’ saħħet ir-residenti tagħna.  Għal żmien għattejna l-bankijiet bi plastik u anke għalaqna l-playing field.  Iddiżinfettajna kemm stajna mhux biss it-toroq imma anke iċ-ċentru u spazji pubbliċi fir-raħal.  Fl-uffiċċju tagħna tal-Kunsill, ħdimna u għadna naħdmu sabiex filwaqt illi inkomplu bl-operat tagħna u nibqgħu nkunu ta’ servizz għalikom, il-post jinżamm nadif, diżinfettat, u b’tali mod illi jirrispetta d-distanza soċjali.  Peress illi l-fondi tal-Kunsill huma limitati ħafna, u peress illi sfortunatament ma ngħatat l-ebda għajnuna finanzjarja mill-Gvern sabiex tgħina fl-ispiża kbira li ġiet fuqna bħal sajjetta, għamilt talba lill-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur taċ-Ċina sabiex jgħina b’kull mod possibbli, u grazzi għall-ġenerożità tiegħu, ingħatajna 2,000 maskra li tqassmu lil numru sostanzjali ta’ anzjani.  Grazzi għall-impenn ukoll tal-Viċi Sindku fi ħdan ir-Reġjun Ċentru, ftit xhur wara ingħatajna pakkett li kien jikkonsisti f’numru ta’ oġġetti bħala hand sanitizers, face masks, eċċ, li mill-ġdid tqassmu mhux biss mal-anzjani imma ma’ ħafna familji oħra Balzanin.  Personalment żort numru ta’ residenti fejn assistejthom fil-bżonnijiet personali tagħhom. It-tbatija tal-anzjani ma kentix biss waħda ta’ nuqqas ta’ mobilità, imma fuq kollox kienet is-solitudni kbira li ħakkmithom u li kienet diffiċli biex titrażżan.

Għalina l-Balzanin, weġgħa kbira oħra dis-sena kien il-fatt illi l-festa tant għażiża għalina kellha titħassar.  Għalkemm saret il-purċissjoni, l-atmosfera ma kienitx tas-soltu.  Kelli pjaċir illi nattendi żewġ attivitajiet illi ittellgħu mill-każini tal-baned rispettivi u li it-tnejn li huma kienu ta’ suċċess kbir! Nawgura illi din is-sena nerġgħu niċċelebraw b’mod tradizzjonali l-festa tal-Kbira Lunzjata tagħna!

Tul is-sena li għaddiet kelli diversi laqgħat mal-Perit tal-Kunsill sabiex infasslu l-pjanti għal żewġ proġetti kbar u importanti fi ħdan ir-raħal tagħna… hawn qed nirreferi għal bini mill-ġdid tal-playing field, u kif ukoll it-tisbiħ tal-ispazju miftuħ fi Triq il-Qarċilla.  Saret ukoll komunikazzjoni mar-residenti sabiex nilqgħu l-feedback tagħhom u ntejbu fuq is-suġġerimenti tagħhom.  L-applikazzjoni mal-awtoritajiet konċernati sa tibda immedjatament sabiex il-proċess ma jkaxkarx fit-tul biex kemm jista’ jkun innaqqsu l-inkonvenjent għar-residenti.  Xogħol iehor infrastrutturali kien ir-resurfacing mill-ġdid ta’ Triq it-Tabib Zammit u kif ukoll bankini u servizzi ġodda oħra fl-istess Triq; min jgħaddi minn hemm jinduna x’biċċa xogħol tajba saret, fl-iqsar żmien possibbli u fejn l-interessi tar-residenti dejjem ġew rispettati.  Xogħol ieħor illi tiegħu kont inkarigat minnu jien kien il-bdil ta’ arbli tad-dawl/elettriku illi issaddu maż-żminijiet u li bil-mod il-mod qed jiġu identifikati u mibdula.  In oltre, fuq proposta illi kont ressaqt, saru żewġ zebra crossings ġodda fil-Pjazza, li tant u tant kienu bżonnjużi.

Il-laqgħat mensili mas-Supretendent tad-Distrett ma waqfux.  Fihom issir diskussjoni dwar is-sigurtà tar-residenti.  Għalkemm mhux kulħadd jieħu pjaċir biha, fuq talba illi jien kont għamilt, is-superviħjoni fit-toroq żdiedet u anke l-infurzar.  Hemm bżonn li jkollna raħal kontrollat fejn nirrispettaw mhux biss l-ambjent tagħna imma fuq kollox lil xulxin.  Fl-aħħar xhur bħala Kunsill ressaqna l-preokuppazzjoni tagħna għall-għeluq tal-għassa; nammetti illi s’issa ma kellna l-ebda risposta imma se nibqgħu nippressaw sabiex din terġa’ tinfetah.

Nagħlaq, diversi kienu l-mumenti ta’ ferħ li ħassejt f’okkażjonijiet differenti fosthom meta l-players tal-U19 ħadu t-tazza, meta ġejna runners up tal-Award in Waste Management fil-‘Malta Waste Reduction Awards’ u ġentilment mogħti mill-Wasteserv u li ġab miegħu premju ta’ €3,000 li sejjer jintuża f’proġett ambjentali ieħor, u kif ukoll meta fl-aħħar tas-sena attendejt għall-kunċert fantastiku ġewwa l-Parroċċa tagħna! Pero’ kelli wkoll mumenti ta’ dieqa kbira, fejn tlift ħbieb Balzanin li l-Mulej għoġbu jsejjaħ għal ħajja ta’ dejjem.  Kif wieħed jista’ jara, il-ħajja ta’ Sindku m’hi faċli xejn u l-bilanċ bejn ir-rwol tiegħi ta’ Sindku u dak ta’ missier ta’ familja u professjonist mhux dejjem possibbli li jintlaħaq. Minkejja dan, kburi li l-kontribut li qed nagħti lir-raħal tiegħi, kbir kemm hu kbir jew żgħir kemm hu żgħir, qed jagħti l-frott, u qed nagħmel ħilti biex meta jintemm il-mandat tiegħi, min jiġi warajja jsib siġra b’saħħitha b’għeruq sodi!

Font Resize
Contrast