Go to Top

Ian Spiteri

Is-Sindku in-Nutar Ian Spiteri
Responsabbli mill-Proġetti, l-Infrastruttura, Sports u Attivitajiet Fiżiċi

 

Fit-18 ta’ Ġunju, 2019 ingħatajt il-Ġurament tal-Kariga ta’ Kunsillier, sabiex fit-3 ta’ Lulju, 2019 kelli l-unur li nerġa’ niġi kkonfermat Sindku ta’ Ħal Balzan wara ċerimonja qasira li fiha ħlift li naqdi fedelment id-dmirijiet tiegħi. Għalija dan ma kienx bidu ieħor ġdid imma kontinwazzjoni fuq ix-xogħol li kont bdejt u bnejt fis-snin preċedenti.  L-ewwel uġiegħ ta’ ras li kelli kienet sabiex nassenja d-dekasteri lill-Kunsilliera eletti; ridt naċċerta ruħi li kull Kunsillier jingħata dawk id-dekasteri li l-aktar jirriflettu l-kompetenza u kapaċitajiet individwali tiegħu jew tagħha.  Wara xhur ta’ ħidma, illum nikkonferma li l-għażla li għamilt kienet waħda għaqlija.

Mill-ewwel sibt il-ġimgħa tal-Festa ma’ wiċċi. Dan kien ifisser ħafna ko-ordinament ma’ diversi entitajiet, sija soċjali, ekklesjastiċi u amministrattivi/governattivi. F’kull festa dejjem jinqalgħu numru ta’ sfidi, fosthom is-sigurtà tar-residenti, u kif ukoll il-bilanċ bejn l-interessi u bżonnijiet tar-residenti u dawk tal-każini.  Nirringrazzja lil Alla li kollox għadda b’wiċċ il-ġid!

Fil-11 ta’ Lulju, 2019 attendejt l-ewwel konferenza uffiċjali tiegħi li trattat dwar Linji Gwida Fondi għall-Attivitajiet u Inizjattivi Kulturali u Soċjali, fejn ingħatat spjegazzjoni dettaljata ħafna dwar kif iridu jintefqu ċertu fondi li jingħataw għal dan l-iskop. F’din il-konferenza l-Kunsill tagħna (flimkien ma’ kunsilli oħra) ingħata somma sabiħa sabiex tintuża għal dawn l-Inizjattivi.

Però, il-ħidma prinċipali tiegħi kienet iffukata fuq tliet toroq prinċipali, u ċioe’, il-Central Link Project, Wied Ħal Balzan, u Triq il-Ferrovija l-Qadima.  Fit-23 ta’ Lulju, 2019, wara laqgħa urġenti li jien sejjaħt ma’ Infrastructure Malta dwar il-Central Link Project, kont ġejt żgurat li l-ebda siġra ma kienet se tinqala’ kemm minn Vjal de Paule u lanqas minn Triq l-Mdina (in-naħa ta’ Ħal Balzan).  Din il-laqgħa kont sejjaħtha preċiżament minħabba l-fatt li fuq il-media soċjali kien hemm min beda jispekula b’mod qawwi li dawn l-istess toroq kienu se jesperjenzaw rovina ambjentali.

Ġimgħa wara, u ċioe’ fit-30 ta’ Lulju, 2019, wara xhur ta’ pressjoni kbira sija fuq id-dipartimenti u awtoritajiet governattivi u sija fuq il-Ministri/Segretarji Parlamentari rispettivi, ħabbart li l-borża s-sewda kienet se tibda tinġabar ukoll kull nhar ta’ Tnejn b’effett mit-2 ta’ Settembru, 2019.  Ir-residenti kienu qed ibgħatu ħafna għall-fatt li din il-borża kienet qed tinġabar biss darbtejn fil-ġimgħa, mentri l-maggior parti tal-lokalitajiet l-oħra f’Malta, kienu qed igawdu minn tlett ġabriet fil-ġimgħa. Il-proċess kien wieħed twil u sa tlabna żewġ PQ’s, biex xhur wara inħareġ l-Avviż Legali relattiv.

Il-proġett ta’ Wied Ħal Balzan ġab miegħu problemi kbar ħafna, mhux biss għall-Kunsill iżda anke għalija personali. Għalkemm kulħadd jaf li l-amministrazzjoni infrastrutturali waqt proġett ta’ triq ġdida taqa’ fl-intier tagħha f’idejn l-Infrastructure Malta u Transport Malta, ir-residenti ma riedux jifhmu u jaċċettaw dan il-fatt, u għalhekk, kull problema li kienet tinqala’ ta’ kuljum, kienet tintefa’ f’ħoġor il-Kunsill. Il-pressjoni fuqi kienet tant kbira li f’waqt minnhom kont anke qed nikkonsidra nitfa’ r-riżenja tiegħi għax bdiet taffettwali saħħti u l-ħajja privata tiegħi. Bħala Kunsill għamilna pressjoni kbira ħafna kemm fuq il-Ministru u kif ukoll fuq kull entità involuta, għax id-dewmien eżaġerat kien wieħed mhux aċċettabbli. Filwaqt illi fhimna l-komplikazzjonijiet tal-proġett, it-tbatijta tar-residenti kienet saret insapportabbli. Ftit ta’ ġimghat ilu l-proġett ġie inawgurat, filwaqt li baqa’ ċertu irtokki xi jsiru u ċertu miżuri x’jittieħdu, speċjalment fejn jirrigwarda s-sewqan eċċessiv, u għalhekk ressaqna talba għal speed cameras fl-istess triq.

Fl-istess waqt kien qed isir il-proġett ta’ Triq il-Ferrovija l-Qadima, proġett li tlesta f’perjodu iqsar milli ħsibna.  Il-kuntrattur ħadem b’mod diliġenti fejn ħares l-interessi tar-residenti u kif ukoll tas-sewwieqa. Bħal fil-każ ta’ Wied Ħal Balzan, jien kont kważi ta’ kuljum inżur il-ħaddiema u x-xogħlijiet sabiex naċċerta ruħi li dawn qed isiru kemm skont il-ftehim milħuq u kif ukoll tant li ma jkunux ta’ detriment għar-residenti. Din l-istess triq ifetħet ftit tax-xhur ilu, u kburi ngħid li l-erba’ snin ta’ pressjoni li l-Kunsill immexxi minni għamel fuq l-awtoritajiet, issarfet f’żewġ toroq prinċipali ġodda li kienu ilhom għexieren ta’ snin biex isiru.

Il-ħidma tiegħi ma waqfitx hawn… attendejt numru ta’ laqgħat u konferenzi importanti fosthom dwar id-Donazzjoni tal-Organi w il-Laqgħa Plenarja tas-Sindki, fost numru ta’ laqgħat oħra mar-residenti u entitajiet fi ħdan ir-raħal.  Ikkordinajt ukoll l-attività ta’ Ġieħ Ħal Balzan li għal darb’oħra kienet suċċess kbir. Ħdimt ukoll flimkien mal-Viċi Sindku sabiex illum niftaħru bil-librerija tagħna; grazzi għall-ħaddiema tagħna li għamlu xogħol ta’ restawr fuq l-ixkafef li ġentilment ingħataw lilna minn individwu li kien se jarmihom.

Fil-qasam ambjentali kburi ngħid li tajt kontribut kbir f’żewġ aspetti… l-ewwel waħda, f’dak li jirrigwarda tħawwil ta’ siġar, f’temp ta’ xahar ħawwilna kważi sittin siġra f’raħal li sfortunatament ma tantx għandu ġonna jew spazji pubbliċi. Il-maggior parti kbira minn dawn is-siġar ingħataw b’donazzjoni wara negozjati ma’ Infrastructure Malta (IM). Mhux biss, imma irnexxieli inġib pakkett li jaċċerta ż-żamma tajba ta’ dawn is-siġar, għax dawn se jibqgħu jissaqqew u jiġu kultivati mill-istess kuntrattur għal żmien sena u possibbilment aktar sakemm jaqbdu l-għeruq. Nixtieq nirringrazzja lil IM għall-impenn tagħhom f’dar-rigward.  Però kburi ukoll mill-fatt illi fit-13 ta’ Ottubru, 2019 għaddiet il-Bye-Law dwar il-Kontroll tal-Ħamiem, u dan wara mozzjoni li jien kont ressaqt fil-Kunsill preċedenti u insistenza tiegħi fix-xhur sussegwenti.

Nagħlaq, kif jidher minn dan ir-rapport, huwa ċar li l-ewwel sitt xhur kienu impenjattivi immens, xogħol iebes u bla waqfien, però dan ma kienx ikun possibbli li kieku ma ngħatajtx is-sapport kollu u l-assistenza neċessarja sija mis-Segretarju Eżekuttiv, sija mill-ħaddiema kollha fi ħdan il-Kunsill, u sija minn sħabi l-Kunsilliera.

Font Resize
Contrast