Go to Top

Angelo Micallef

Il-Viċi Sindku Dr Angelo Micallef
Responsabbli mill-Kultura, l-Edukazzjoni u Pubblikazzjonijiet u rappreżentant tal-Kunsill Lokali Ħal Balzan fuq ir-Reġjun Ċentru

 

Sena Diffiċli

Is-sena 2020 kienet bla dubju ta’ xejn sena diffiċli ħafna għal kulħadd inkluż għal Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan. Is-sena kienet iddominata minn restrizzjonijiet fuq ġemgħat ta’ nies u miżuri preventivi. B’hekk kienet sena li prattikament fiha l-ħidma tal-Kunsill kellha restrizzjonijiet ċari ħafna fejn tidħol l-organizzazzjoni ta’ kwalsiasi forma ta’ attività.

Dawn l-isfidi wasslu sabiex numru ta’ pjanijiet ġew posposti indefinittivament sakemm is-sitwazzjoni tirritorna lura għan-normal. Fost il-pjanijiet posposti kien hemm id-diskussjoni li kienet qegħda ssir bejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan u l-Kunsill Lokali ta’ l-Iklin għal ċentru konġunt ta’ l-active ageing. It-tama’ hawn hi li meta s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal jien flimkien mal-kollega Mary Louise Briffa nerġgħu nibdew bid-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ l-Iklin dwar din il-proposta.

COVID-19

L-isfida tal-Covid-19 ġabet magħha sfidi ġodda għal Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan. Fost l-isfidi kien hemm l-isfida sabiex titwassal informazzjoni utli u aġġornata lir-residenti. B’hekk, flimkien mas-Sindku n-Nutar Ian Spiteri il-paġna You Safe Balzan saret sors ta’ informazzjoni utli b’rabta mal-Covid-19. Din il-paġna f’qasir żmien ġabret 861 membru. L-informazzjoni li kienet titwassal fuq You Safe Balzan kienet titwassal ukoll fuq il-paġna ordinarja tal-Kunsill Lokali.

L-Informazzjoni mwassla kienet tinkludi aġġornament dwar il-miżuri mħabbra mill-gvern u pariri mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar kif wieħed jista’ jibqa’ sigur.

Reġjun Ċentru

Ħidma li ma waqfet qatt kienet dik marbuta mar-Reġjun Ċentru. Il-laqgħat tar-Reġjun Ċentru komplew ta’ kull xahar, b’Ħal Balzan ikun preżenti għal kull laqgħa li saret.

Il-presenza attiva ta’ Ħal Balzan fir-reġjun wasslet sabiex nkisbu fondi għal bosta proġetti interessanti li saru jew ser isiru fir-raħal.

  • Virtual Tour tal-Knisja Parrokjali

Fis-17 ta’ Diċembru 2020 ġie mniedi s-sit www.regjuncentru360.org li fih hemm tour virtwali ta’ bosta paroċċi fir-reġjun. Ma jonqosx li permezz ta’ fondi miksuba mill-istess reġjun il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan ikkordina sabiex il-parroċċa majestuża tagħna tkun inkluża. Permezz ta’ dan it-tour virtwali wieħed jista’ jdur ir-rikkezzi li toffri l-parroċċa ta’ Ħal Balzan u jisma’ wkoll spjega ta’ l-istorja. Nixtieq hawn nirringrazzja lil Carmel Bezzina li bħal dejjem kien dispost biex ikun funtana ta’ informazzjoni.

  • Proġett Wikipedia

Permezz ta’ fondi miksuba mir-Reġjun Ċentru l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan ħa ħsieb li l-paġna ta’ wikipedia dwar Ħal Balzan tkun aġġornata u organizzata. Wikipedia llum sar sors importanti ħafna ta’ kif in-nies isiru jafu aktar dwar dak kollu li jkun ta’ interess għalihom. Għalhekk paġna ta’ Wikipedia organizzata u aġġornata sservi bħala vetrina tajba għar-raħal tagħna.

  • Tiżjin tal-Milied 2020

Il-Kunsill Lokali kiseb fondi mir-Reġjun Ċentru sabiex kompla jsebbaħ it-tiżjin tal-Milied użat fir-raħal. B’hekk għal darb’oħra Ħal Balzan libes libsa sabiħa fil-Milied; libsa li kompliet tikber u kompliet isseddaq dak li kien sar fil-passat fejn jidħol it-tiżjin tal-Milied.

Il-Kunsill Lokali appoġġja wkoll l-inizjattiva ta’ numru ta’ residenti li żejnu t-toroq tagħhom kif jagħmlu ta’ kull sena. Radd ta’ ħajr tmur wkoll għal kull min b’mod attiv ikkopera fit-tiżjin tar-raħal.

  • COVID Packs

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan kiseb fondi mir-Reġjun Ċentru sabiex saru b’valur ta’ ħames t’elef Ewro ta’ Covid packs li tqassmu lir-residenti. Dawn il-Covid packs kienu jinkludu maskri, hand sanitiser, alcohol surface wipes u anti bacterial wipes. Il-Kunsill Lokali kiseb aktar fondi mir-Reġjun Ċentru u qiegħed jaħseb sabiex jerġa’ jqassam aktar maskri lir-residenti.

  • Aktar fondi miksuba

Il-Kunsill Lokali kiseb fondi oħra mir-Reġjun Ċentru li hemm pjan li jintużaw fix-xhur li ġejjin. Dawn jinkludu fond ta’ għaxar t’elef Ewro għal attività soċjo-kulturali, li t-tama hi, jkun possibbli li ssir fl-ewwel xhur tas-sena 2021; fondi ta’ tlett t’elef Ewro għal proġett fir-raħal ta’ l-għażla libera tal-Kunsill Lokali, fondi ta’ elfejn Ewro għal proġett ta’ virtual tour ieħor fejn hemm il-ħsieb li possibbilment isir il-virtual tour tal-kappella ta’ Santa Marija fi triq il-Kbira u l-kappelli ta’ triq it-tlett knejjes u fondi ta’ erbgħa u tletin elf Ewro għal proġetti fir-raħal.

  • Restawr ta’ Santa Marija

Hija l-intenzjoni tal-Kunsill li mill-fondi miksuba mir-Reġjun Ċentru jsir ir-restawr tant meħtieġ ta’ l-istatwa ta’ Santa Marija fi triq il-Kbira. Dan ir-restawr ser isir b’mod professjonali u ggwidat minn esperti fil-qasam sabiex din il-ġawhra tiġi ppreservata.  

Hemm il-ħsieb ukoll li f’ħidma konġunta ma’ għaqda fil-lokal isir ir-restawr tan-niċċa tal-Madonna tar-Rummiena. Hawn ukoll il-pjan huwa li jintużaw fondi miksuba mir-Reġjun Ċentru.

Ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija

Flimkien mas-Sindku n-Nutar Ia Spiteri ntbagħtu żewġ ittri lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ fejn qegħda tintalab laqgħa. L-ittri jappellaw lill-Kummissarju Gafa’ sabiex terġa’ tinfetaħ mill-ġdid l-għassa ta’ Ħal Balzan u dan sabiex tissaħħaħ u mhux tiddgħajjef is-sigurtà fir-raħal tagħna. Minkejja żewġ ittri fl-aħħar tlett xhur s’issa għadu ma kien hemm ebda rispons mill-Kummissarju Gafa’ għajr sempliċi acknowledgement. Minkejja li s’issa l-appelli waqgħu fuq widnejn torox, din hija kwistjoni li dwarha jeħtieġ li tkompli l-pressjoni.

Ittra UNESCO

Flimkien mas-Sindku n-Nutar Ian Spiteri ntbagħtet ittra ta’ appoġġ lill-Għaqda Każini tal-Banda sabiex jingħata appoġġ lit-talba sabiex il-UNESCO tirrikonoxxi il-Festa Maltija bħala Wirt Intanġibbli fil-Lista Rappreżentattiva tal-Umanità tal-UNESCO.

Paġna ta’ Facebook

Il-Kunsill Lokali kompla jżomm aġġornata l-paġna ta’ Facebook liema paġna wasslet mhux biss informazzjoni dwar il-COVID-19 kif spjegat aktar kmieni fir-rapport imma anke tagħrif dwar il-ħidma tal-Kunsill u tagħrif ieħor utli għar-residenti. Il-paġna għandha 1,979 like u fil-preżent għandha page reach ta’ madwar 18 il-elf ruħ. Għalkemm dan ifisser li għad hemm lok ta’ titjib, il-paġna qegħda tkompli tissaħħaħ u fuq bażi regolari qegħda tkompli żżid fil-likes.

Il-paġna qegħda wkoll żżomm strettament mal-kunċett ta’ bilingwiżmu u kull post qegħda tkun tradotta kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Qiegħed ukoll isir sforz sabiex messaġġi ma’ jitħallewx mhux mwieġba għal aktar minn tmienja u erbgħin siegħa. Naturalment bħal dejjem għad hemm lok ta’ titjib.

Librerija Miftuħa

Sfortunatament minħabba l-COVID-19 il-librerija miftuħa għamlet numru ta’ ġimgħat magħluqa ftit wara li ġiet varata. Madankollu fl-aħħar xhur il-librerija miftuħa reġgħet bdiet topera u qegħda tkun ta’ suċċess. Il-ħidma qegħda tkompli sabiex il-kontenut tal-librerija jkompli jissaħħaħ.

Laqgħat ma’ studenti

Il-Kunsill matul din is-sena rċieva numru ta’ talbiet minn numru ta’ studenti u għaqdiet studenteski li xtaqu il-kooperazzjoni tal-Kunsill Lokali fi studji li kienu qegħdin jagħmlu. Il-Kunsill Lokali huwa dejjem ħerqan li jgħin lil dawn l-istudenti kemm billi jipparteċipa fl-intervisti u l-kwestjonarji meħtieġa kif ukoll billi jappoġġja l-inizjattivi ta’ l-istess studenti.

F’każ minnhom l-inizjattiva mistennija tinkludi wirja artistika fl-ewwel xhur tas-sena 2021. Hawnhekk ħajr imur ukoll għal kollega Stephen Gatt li ta sehem attiv ħafna.

Nota Konklussiva

It-tama’ hi li s-sena 2021 tara r-ritorn għan-normalità sabiex tissaħħaħ il-ħidma b’rabta ma’ inizjattivi edukattivi. Il-Kunsill huwa wkoll konxju tal-ħtieġa tas-tisħiħ ta’ l-element ta’ twassil ta’ informazzjoni u l-ħsieb hu li mill-ġdid tibda l-ħidma li minħabba l-Covid xi ftit jew wisq sfrattat b’rabta ma’ e-newsletter. Bħal dejjem ser tkompli wkoll il-ħidma sabiex jinkisbu fondi mir-Reġjun Ċentru sabiex nkomplu nsebbħu l-lokal.

Nagħlaq b’nota ta’ ringrazzjament lill-kollegi Ian Spiteri, Mary Louise Briffa, Oliver De Gaetano u Stephen Gatt u lill-istaff kollu tal-Kunsill Lokali. Bla dubju ta’ xejn u bħal dejjem hemm lok għal titjib fil-ħidma tagħna u t-tama hi li fis-sena 2021 nkomplu ntejbu u nibnu fuq dak miksub.

Font Resize
Contrast