Go to Top

Angelo Micallef

Il-Viċi Sindku Dr Angelo Micallef
Responsabbli mill-Kultura, l-Edukazzjoni u Pubblikazzjonijiet

 

Bidu tal-Ħidma

Is-sena 2019 bdiet fl-1 ta’ Lulju 2019 hekk kif ġie fi tmiemu l-mandat tal-Kunsill preċidenti u beda t-terminu tal-Kunsill preżenti. Fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Lokali s-Sindku n-Nutar Ian Spiteri assenjali d-dekasteri ta’ l-edukazzjoni, l-kultura u l-pubblikazzjonijiet. Addizjonalment ġejt assenjat ukoll il-ħidma li nkun ir-rappreżentant tal-Kunsill Lokali fuq il-Kunsill Reġjoni Ċentru bis-Sur Stephen Gatt bħala membru supplimentari.

Kors tal-First Aid

Bħala l-kunsillier responsabbli mill-edukazzjoni pproponejt sabiex il-Kunsill Lokali jaħdem id f’id ma’ xi għaqda li toffri korsijiet tal-First Aid sabiex isir kors tal-First Aid f’Ħal Balzan. Ġie maqbul li jsir kors tal-First Aid flimkien mas-St. John Ambulance Brigade liema kors sar fit-12 u 14 ta’ Novembru fiċ-Ċentru Parrokjali. Dan il-kors kellu attendanza massima u kien wieħed fejn il-parteċipanti ġew mgħotija ċertifikazzjoni.

Seminar dwar il-Fire Safety

Fid-9 ta’ Frar 2020 sar seminar ta’ għarfien dwar in-nirien fid-djar. Dan is-seminar sar b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u s-St. John Rescue Corps u kien kontinwazzjoni mal-kors tal-First Aid. Is-seminar sar fis-Sala Aurora u huwa maħsub li potenzjalment fil-futur jiġu esplorati sessjonijiet ta’ taħriġ prattiku b’rabta ma’ dan is-suġġett li qanqal interess. L-ippjanar għal dan is-seminar sar fl-aħħar ġimgħat tas-sena 2019 propju fl-istess waqt li saru t-tħejjijiet għal-kors tal-First Aid.

Librerija Miftuħa

Fi Frar 2020 bdiet topera l-librerija miftuħa fl-uffiċċju tal-Kunsill. Il-ħidma hawn kienet ilha għaddeja qatiegħ sa mill-aħħar ġimgħat tas-sena 2019. Wara ħafna diskussjonijiet anke ma’ residenti, l-Kunsill wasal għal konklużjoni li l-aħjar post huwa li ssir librerija miftuħa fl-uffiċċju tal-Kunsill. L-ixkaffar għal din il-librerija ġie miksub grazzi għal intervent dirett mis-Sindku n-Nutar Ian Spiteri.

Il-librerija toffri opportunita’ sabiex jiġi promoss il-qari f’Ħal Balzan u tagħmilha aktar faċli li wieħed jikseb firxa wiesgħa ta’ kotba filwaqt li toffri wkoll opportunita’ għal riċiklaġġ ta’ kotba minflok ma’ dawn jiġu mgħormija.

Fuq nota personali nirrigrazzja lill-bosta residenti li tawni kotba għal din il-librerija liema kotba żdiedu ma’ xi kotba li xtrajt jien bħala ġest żgħir ta’ appoġġ u li żdiedu mal-ħafna u ħafna kotba li numru kbir ta’ residenti wasslu l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali. 

E-Newsletter

Għaddejja ħidma flimkien mal-providut tas-servizzi tal-IT tal-Kunsill sabiex titwaqqaf newsletter elettronika. Din in-newsletter elettronika huwa maħsub li għandha tiġi ppubblikata għall-ewwel darba f’Mejju jew Ġunju 2020 u huwa maħsub li tibda toħroġ fuq bażi ta’ 4 darbiet fis-sena. Dan ikun mezz kif il-Kunsill jżomm lir-residenti aġġornati mingħajr fl-istess ħin ma’ jintużaw karti jew jiġu skomodati residenti permezz ta’ korrispondenza addizzjonali fil-kaxxa postali. In-newsletter elettronika ser tkun taħdem fuq bażi ta’ subscription

Monument

Il-Kunsill qiegħed jaħseb għal proġett ta’ traffic island biżwit Triq Qarċilla sabiex din tirregola aħjar il-flow tat-traffiku. Hawn qiegħed jiġi maħsub li sabiex iż-żona tissebbaħ l-msemmija traffic island isservi wkoll ta’ embelishment permezz ta’ monument għall-identita’ Balzanija. Għal dan il-għan saret kompetizzjoni għal disinji ta’ dan il-monument. Kompetizzjoni li rat interess mifrux u li waslet għal disin rebbieħ. Huwa maħsub li matul is-sena 2020 ser tkompli l-ħidma fuq dan il-proġett ambizzjuz sabiex id-disin rebbieħ jingħata l-ħajja u jsir’ realta’.

Preżenza fuq Facebook

Qiegħed isir sforz sabiex fuq Facebook jingħataw risposti kemm jista’ jkun malajr lil messaġġi privati li jaslu fuq il-paġna tal-Kunsill. Qiegħed isir sforz ukoll sabiex kull post tal-Kunsill tkun bi-lingwi sabiex tiġi rrispetata l-kostituzzjoni ta’ Malta li tgħid li l-ilsien Malti huwa l-ilsien nativ ta’ dan il-pajjiż filwaqt li l-Ingliż huwa lsien uffiċjali.

Il-Kunsill qiegħed ukoll jara li fuq il-paġna ta’ Facebook jiġu ppubblikati wkoll notifiki ta’ relevanza għal Ħal Balzan u aġġornamenti dwar il-ħidma tal-Kunsill.

Qiegħed ukoll isir sforz sabiex il-materjal li jkun hemm fuq il-paġna uffiċjali jiġi shared ukoll fuq il-grupp Balzan People bl-għan li jintlaħħqu aktar residenti.

Active Ageing

Flimkien mal-Kunsilliera Mary Louise Briffa saret laqgħa mad-dipartiment tal-Active Ageing and Community Care bl-għan li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan jieħu sehem f’din l-iskema. Sabiex il-loġistika tkun waħda li tippermetti benefiċċju massimu min din l-iskema nbdew diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ l-Iklin sabiex issir ħidma konġunta f’dan ir-rigward. Huwa mistenni li dawn id-diskussjonijiet potenzjalment iwasslu sabiex il-Kunsill ta’ Ħal Balzan flimkien ma’ dak ta’ l-Iklin jibbeneffikaw mill-iskema ta’ l-Active Ageing Classes. It-tir huwa li din il-ħidma tiġi kompluta matul is-sena 2020.

Laqgħa b’urġenza

Fit-13 t’Awwissu 2019 il-Kunsill tlaqqa b’urġenza wara mozzjoni mressqa minni u sekondata mis-Sur Stephen Gatt. Il-mozzjoni, li tul il-laqgħa kisbet appoġġ unanimu, wasslet sabiex il-Kunsill Lokali ħareġ stqarrija għall-istampa dwar is-sitwazzjoni fil-Wied ta’ Ħal Balzan fejn sar appell sabiex ix-xogħol jitlesta’ b’mod għaqli u diliġenti iżda fl-iqsar żmien possibli fl-aħjar interess tar-residenti Balzanin. Din l-istqarrija kisbet l-attenzjoni tal-media Maltija; kemm dik ta’ televiżjoni u radju kif ukoll dik stampata u ta’ portals. L-istqarrija kienet waħda li baqgħet il-bogħod minn kull ton politiku partiġġjan u ffukat fuq l-interess tar-residenti.

Kunsill Reġjonali Ċentru

Ħal Balzan huwa membru tal-Kunsill Reġjonali Ċentru li huwa mmexxi mill-President Michael Fenech Adami. Dan il-Kunsill jiltaqa’ darba fix-xahar b’Ħal Balzan ikun preżenti f’kull laqgħa mingħajr eċċezjoni.

Mill-ħidma ta’ dan ir-reġjun Ħal Balzan ibbenefika minn fondi li kienu strumentali sabiex sar tiżjin tal-Milied fit-toroq ta’ Ħal Balzan, sabiex saret ħidma ta’ embelishment fil-lokalita’ u sabiex il-kunsill għen f’inizjattivi permezz ta’ parteċipazzjoni f’ħidma minn għaqdiet tal-lokal.

Il-ħidma ser twassal ukoll sabiex il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan misteni jikseb aċċess għal fondi addizjonali li jaqbżu it-30,000 elf Ewro matul il-bidu tas-sena 2020. Dan apparti it-8,000 Ewro f’fondi diġa miksuba matul is-sena 2019, fondi li, fost oħrajn, minnhom gawdew ukoll numru ta’ għaqdiet volontarji fil-lokalita’.

Il-parteċipazzjoni attiva ta’ Ħal Balzan wasslet ukoll sabiex kien possibli li dawk interessati ħadmu sehem f’bosta inizjattivi edukattivi u kulturali mħejjija mil-Kunsill Reġjonali Ċentru.

Fuq livell informali l-ħidma f’dan il-Kunsill Reġjonali tiftaħ ukoll beraħ il-possibilita’ ta’ kooperazzjoni informali ma’ Kunsilli Lokali oħra fosthom kunsilli ġirien b’interessi komuni bħal Ħal Lija, Ħ’Attard u l-Iklin fost oħrajn.

Font Resize
Contrast